gov.mt

PR261661

PR261661

08/10/2026

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FIL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Żjara edukattiva fl-iskola St Jeanne Antide biex jissaħħaħ l-għarfien dwar il-ħarsien tal-annimali


Is-Segretarju Parlamentari responsabbli għall-Ħarsien tal-Annimali Alicia Bugeja Said żaret l-Iskola St Jeanne Antide fil-Gudja flimkien mal-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali Elliot Magro, fejn iltaqgħu ma' tfal ta' bejn il-ħames u s-sitt snin.

Din iż-żjara kellha l-għan li tkompli xxerred l-għarfien dwar l-importanza tal-ħarsien u t-trattament xieraq tal-annimali, filwaqt li tħeġġeġ lit-tfal jiżviluppaw sens ta' rispett u responsabbiltà lejn l-annimali sa minn età żgħira.

Matul l-attività, it-tfal tgħallmu dwar l-importanza li jieħdu ħsieb l-annimali domestiċi tagħhom, kif ukoll dwar ir-responsabbiltà li ġġib magħha ż-żamma ta' annimal domestiku, fosthom il-ħtieġa li jingħata ikel xieraq, ambjent sigur, kura veterinarja u, fuq kollox, imħabba u attenzjoni.

It-tfal ħadu sehem ukoll fi preżentazzjoni interattiva u edukattiva, imfassla apposta għall-età tagħhom. Permezz ta' diskussjoni u attivitajiet, huma komplew jitgħallmu dwar it-trattament xieraq tal-annimali.

Din l-inizjattiva ttellgħet bħala parti mill-attivitajiet marbuta mal-ġimgħa għall-Għarfien dwar l-Annimali, bil-għan li tkompli toħloq kuxjenza dwar il-ħarsien u t-trattament xieraq tagħhom.

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said qalet li l-edukazzjoni hija fundamentali biex tinbena soċjetà li tagħti prijorità lill-benesseri tal-annimali. “Jekk irridu nkomplu nsaħħu kultura ta' rispett u mħabba lejn l-annimali, irridu nibdew mit-tfal. Permezz ta' inizjattivi bħal dawn, inkunu qegħdin ngħallmuhom li annimal mhuwiex ġugarell, iżda ħlejqa ħajja li teħtieġ impenn, responsabbiltà u kura tul ħajjitha kollha," qalet is-Segretarju Parlamentari.

Il-Kummissarju għat-Trattament Xieraq tal-Annimali, Elliot Magro, saħaq fuq l-importanza li t-tfal jingħataw l-għodod meħtieġa biex jifhmu aħjar il-bżonnijiet tal-annimali. “L-għarfien li niżirgħu fit-tfal illum se jsawwar il-mod kif huma jittrattaw lill-annimali fil-futur. Meta nedukawhom dwar l-empatija, ir-rispett u r-responsabbiltà, inkunu qegħdin nibnu ġenerazzjoni aktar konxja u sensittiva lejn il-benesseri tal-annimali," qal il-Kummissarju.

Il-Kap tal-Iskola St Jeanne Antide, Marion Cutajar, esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għal din l-inizjattiva. “L-iskola għandha rwol importanti mhux biss fl-iżvilupp akkademiku tat-tfal, iżda wkoll fit-tisħiħ ta' valuri bħal l-empatija u r-rispett lejn kull ħlejqa ħajja. Attivitajiet bħal dawn jgħinu lit-tfal jitgħallmu b'mod interessanti u prattiku, filwaqt li jwasslulhom messaġġ li jibqa' magħhom huma u jikbru," qalet is-Sinjura Cutajar.​​

Din iż​-żjara tagħmel parti mill-ħidma kontinwa biex jiżdied l-għarfien dwar il-ħarsien tal-annimali u biex titrawwem kultura ta' responsabbiltà, rispett u mħabba lejhom minn età bikrija.

​